It-Tieni Ħadd ta' Matul is-Sena 🐑
- Jan 14
- 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
(Iżaija 49: 3, 5-6)
Il-Mulej qalli:
“Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,
bik jiena nkun imfaħħar”.
Issa tkellem il-Mulej,
li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,
biex għandu nraġġa’ lura lil Ġakobb,
u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid
– għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej,
u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi –
u Hu qalli:
“Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,
li inti tkun il-qaddej tiegħi,
biex tqajjem it-tribù ta’ Ġakobb,
u traġġa’ lura l-fdal ta’ Iżrael.
Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Inroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
(Salm 40: 2, 4ab, 7-8a, 8b-9, 10)
Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u b’offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.
“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuq
ili nagħmel ir-rieda tiegħek.Alla tiegħi,
dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Korintin
(1 Korintin 1: 1-3)
Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-Knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna; grazzja u sliem mingħand Alla missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Inroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Ġwanni 1: 14a, 12a)
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.
R/. Hallelujah.
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
(Ġwanni 1: 29-34)
F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli’. Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”.
U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu’. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments