top of page

It-Telfa ta’ Ragħaj: X’Jiġri Meta Jmut Papa? 🙏

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Apr 22
  • 3 min read

Il-Papa Franġisku, l-ewwel Papa mill-Amerika t’Isfel u l-ewwel Ġiżwita li mexxa l-Knisja, ħalla warajh wirt ta’ umiltà, kuraġġ u mogħdrija. Il-papat tiegħu kien ikkaratterizzat minn qrubija speċjali mal-foqra, impenn għal djalogu bejn ir-reliġjonijiet, u sejħa konsistenti għall-ħniena f’dinja ddominata mill-firda.

 

Hekk kif il-Knisja tibki mewtu, jibda fi ħdanha proċess sagru li jmur lura ħafna snin, il-proċess tad-difna tal-Papa Franġisku, u l-għażla tas-suċċessur tiegħu. 

 

 

Żmien ta’ Luttu u Talb

Meta jmut Papa, il-Knisja tidħol fi stat magħruf bħala sede vacante, li bil-Latin tfisser 'is-siġġu huwa vojt'. Matul dan iż-żmien, il-Knisja ma tista’ tagħmel ebda deċiżjoni importanti jew ħatra ġdida, sakemm jintgħażel Papa ġdid. L-affarijiet ta’ kuljum jaqgħu temporanjament f’idejn il-kamerlengu, li jivverifika l-mewt tal-Papa, jissiġilla l-kmamar tiegħu, u jara li kollox jibqa’ miexi kif suppost. Bħalissa, dan l-irwol hu f’idejn il-Kardinal Kevin Farrell. Il-katavru tal-Papa jitqiegħed fil-Bażilika ta’ San Pietru għal tlett ijiem ta’ venerazzjoni pubblika, fejn jinġabru diversi Kattoliċi minn madwar id-dinja kollha biex jitlobu għalih u jagħtuh l-aħħar tislima. Fil-każ tal-Papa Franġisku, dan se jsir bejn l-Erbgħa 23 u l-Ġimgħa 25 ta’ April. 



Il-Funeral tal-Papa

Il-funeral ta’ Papa hu sempliċi iżda profondament simboliku, b’għeruq li jmorru lura sekli sħaħ. Ġeneralment isir bejn erbat ijiem u sitt ijiem wara l-mewt tiegħu fil-Pjazza ta’ San Pietru, u jkun immexxi mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Matul dan ir-rit, isir talb għall-fidwa tal-Papa, u l-Knisja kollha tingħaqad f’mument ta’ għaqda u radd il-ħajr. Il-funeral tal-Papa Franġisku se jsir nhar is-Sibt 26 ta’ April, u se jkun immexxi mill-Kardinal Giovanni Battista Re.

 

Tradizzjonalment, il-katavru ta’ Papa kien jitqieħed fi tliet twiebet, waħda magħmula miċ-ċipress, oħra magħmula miċ-ċomb, u l-oħra mill-ballut. Iżda fil-każ tal-Papa Franġisku, skont ix-xewqa tiegħu huwa se jindifen f’tebut wieħed taċ-ċipress, li tirrifletti l-umiltà u s-sempliċità li dejjem ikkaratterizzaw il-papat tiegħu. Barra minn hekk, fit-tebut jitpoġġew tliet oġġetti simboliċi. Dawn huma borża żgħira bil-flus, li tirrappreżenta s-snin tal-papat tiegħu, Rogito, li huwa forma ta’ skroll li jiġbor fil-qosor il-ħajja u l-ħidma tiegħu, u siġill taċ-ċomb li jissimbolizza l-awtorità tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma.

 

Għalkemm ħafna Papiet għażlu li jindifnu fil-Katakombi tal-Vatikan taħt il-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa Franġisku talab li jindifen fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri, post li kien iżur spiss matul il-papat tiegħu, b’mod speċjali qabel u wara l-vjaġġi missjunarji tiegħu. Din id-deċiżjoni tirrifletti d-devozzjoni kbira tiegħu lejn il-Verġni Mqaddsa Marija, li dejjem kellha post speċjali f’qalbu.

 


L-Għażla tal-Papa l-Ġdid

Wara disat ijiem ta’ luttu u talb magħrufa bħala n-novemdiales, il-Kulleġġ tal-Kardinali jiltaqgħu biex jibda l-proċess tal-konklav, laqgħa bil-magħluq biex jinħatar suċċessur ta’ Pietru ġdid. Dan isir fil-Kappella Sistina, fil-Vatikan, u għalih jattendu l-kardinali kollha li għandhom inqas minn 80 sena. B’kollox, bħalissa hemm madwar 135 kardinal li huma papabbli, inkluż il-Kardinal Għawdxi Mario Grech li ġie maħtur kardinal mill-Papa Franġisku fl-2020.

 

Matul dan il-proċess, il-kardinali huma marbuta b’ġurament li jżommu dak kollu li jseħħ sigriet, u għalhekk jinżammu f’iżolament sakemm tittieħed din id-deċiżjoni. Kuljum, il-kardinali jiċċelebraw il-quddiesa, jitolbu, u jivvutaw sa erba’ darbiet għal min għandhom fiduċja li hu msejjaħ mill-Ispirtu s-Santu biex imexxi l-Knisja. Biex kardinal jiġi elett Papa, irid jikseb żewġ terzi tal-voti tal-kardinali eletturi kollha preżenti fil-konklav.

 

Wara li jingħaddu l-voti, dawn jiġu maħruqa, u d-duħħan tagħhom jindika ġiex elett Papa jew le. Jekk id-duħħan li joħroġ miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina jkun iswed, dan ifisser li l-votazzjoni ma waslitx għal ftehim u li l-Knisja għadha mingħajr Papa. Min-naħa l-oħra, meta d-duħħan li joħroġ ikun abjad, dan ikun ifisser li ntlaħaq ftehim u ġie elett Papa ġdid, mument ta’ ferħ u tama li jitħabbar bil-kliem ‘Habemus Papam!’ li jfisser ‘Għandna Papa!’.  

 


Il-Papa Jibda Ħidmietu

Malli jiġi elett il-Papa l-ġdid, dan jagħmel l-ewwel dehra tiegħu fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru fejn isellem lill-fidili u joffri l-barka tal-Urbi et Orbi. Ftit ġranet wara, issir l-inkurunazzjoni uffiċjali tiegħu permezz ta’ quddiesa fil-Pjazza ta’ San Pietru, fejn il-Papa l-ġdid jirċievi diversi simboli bħall-pallju u ċ-ċurkett tas-sajjied. Minn hawnhekk, il-Papa jibda d-dmirijiet tiegħu billi jiltaqa’ mal-kardinali u l-mexxejja tal-Knisja, u jkompli jmexxi l-Knisja universali billi jindirizza l-ħtiġijiet tal-fidi madwar id-dinja.

1 Comment


marigrech282
Apr 22

God bless 👼

Like
bottom of page