top of page

Is-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu 👑

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Nov 20, 2024
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

(Danjel 7: 13-14)

Billejl deherli qiegħed nara

bħal iben ta’ bniedem,

ġej mis-sħab tas-sema,

li baqa’ sejjer sax-Xiħ fl-għomor

u ressquh quddiemu.

U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,

biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.

Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,

u saltnatu li ma tinqeridx.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Il-Mulej isaltan; il-kobor libes.

(Salm 93: 1ab, 1ċ-2 ,5)

Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,

libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.


Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.

Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;

minn dejjem ta’ dejjem int. R/.


Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;

qdusija lil darek tixraq, Mulej,

sakemm itul iż-żmien. R/.

 

 

📙 It-Tieni Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu                

(Apokalissi 1: 5-8)

Ġesù Kristu hu x-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


Arawh, ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Amen!


Jiena huwa l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’ kollox!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Mark 11: 9-10)

Hallelujah. R/. Hallelujah

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja!

R/. Hallelujah

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

(Ġwanni 18: 33b-37)

F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.


Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.


Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page