Is-Sittax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 🚤
- ghalikukoll
- Jul 20, 2024
- 2 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija (Ġeremija 23: 1-6)
Dan jgħid il-Mulej: «Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu l-merħla tal-mergħa tiegħi - oraklu tal-Mulej.
Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja, li jirgħu l-poplu tiegħi: Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. Arawni, se naħseb fikom jien minħabba l-ħażen ta’ għemilkom - oraklu tal-Mulej.
U jiena niġbor il-fdal tan-nagħaġ tiegħi mill-artijiet kollha li xerridthom fihom, u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom, u jnisslu u joktru. U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom, u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux; u ħadd minnhom ma jonqos - oraklu tal-Mulej.
Araw, għad jasal żmien - oraklu tal-Mulej - meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael jgħammar fiż-żgur. U dan hu l-isem li jsejħulu: Il-Mulej is-Sewwa tagħna.»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni (Salm 23: 1-3a, 3b-4, 5, 6)
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura
jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn
nistrieħ, jeħodni; hemm hu
jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti
miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ
tiegħek, huma jwennsuni. R/.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-
ħniena il-jiem kollha ta’ ħajti
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Efesin (Efesin 2: 13-18)
Ħuti, imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu.
Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna - il-mibegħda ta’ bejnietna - u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha. Mit-tnejn, ried b’hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta’ bejniethom.
Imbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib. Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mark 6: 30-34)
F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: «Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.» Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.
Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Riflessjoni għat-Tfal
Yorumlar