Is-Sitta u Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena ✂
- ghalikukoll
- Sep 25, 2024
- 3 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tan-Numri
(Numri 11: 25-29)
F’dak iż-żmien, il-Mulej niżel fi sħaba jkellem lil Mosè, u ħa mill-ispirtu li kellu fih, u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx.
Issa fil-kamp kien baqa’ żewġt irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu. Hekk dawn ġew magħduda mal-magħżulin għax, għalkemm ma marrux fit-tinda, bdew jipprofetizzaw fil-kamp.
Dlonk mar wieħed żagħżugħ jgħarraf b’dan lil Mosè, u qallu: “Eldad u Medad qegħdin jipprofetizzaw fil-kamp”. U Ġożwè bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta’ Mosè, qabad u qal: “Sidi Mosè, tħallihomx aktar”. Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.
(Salm 19: 8, 10, 12-13, 14)
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek;
ħlas tajjeb għandu min iħarishom.
In-nuqqas min jista’ jagħrfu?
Minn dak li ma nafx bih saffini. R/.
Mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek,
tħalliha qatt taħkimni.
Imbagħad inkun bla ħtija
u ħieles minn dnub kbir. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
(Ġakbu 5: 1-6)
Ejjew issa, intom il-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom! Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla. Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem!
Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq – qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti.
Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum tal-qatla. Intom ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh għax ma jistax jiqfilkom!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Ġwanni 17: 17b, a)
Hallelujah. R/. Hallelujah
Missier, il-kelma tiegħek hi l-verità,
qaddishom permezz tal-verità.
R/. Hallelujah
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
(Mark 9: 38-43, 45, 47-48)
F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.
Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.
U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments