Is-Sitt Ħadd ta' Matul is-Sena 🙏
- ghalikukoll
- Feb 6
- 2 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
(Ġeremija 17: 5-8)
Dan jgħid il-Mulej:
“Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,
li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,
u titbiegħed qalbu mill-Mulej.
Ikun bħal siġra tal-għargħar fix-xagħri,
li ma tara ebda ġid ġej,
li tgħammar f’art tikwi fid-deżert,
art mielħa fejn ħadd ma jgħammar.
Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej,
u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.
Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla,
b’għeruqha mxenxla lejn il-wied;
ma tibżax meta tiġi s-sħana,
il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar;
fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,
u ma tehdiex milli tagħmel il-frott”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu
(Salm 1: 1-2, 3, 4, 6)
Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.
Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.
Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
(1 Korintin 15: 12, 16-20)
Ħuti, jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin. Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Luqa 6: 23ab)
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, jgħid il-Mulej;
għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.
R/. Hallelujah
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
(Luqa 6: 17, 20-26)
F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.
Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments