Is-Sbatax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 🍞
- ghalikukoll
- Jul 24, 2024
- 2 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten (2 Slaten 4: 42-44)
F’dak iż-żmien, ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-Salisa, u ġieb lir-ragel ta’ Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid.
Eliżew qallu: «Agħtihom lin-nies ħa jieklu.» Imma l-qaddej tiegħu wieġeb: «Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?» Raġa’ qallu Eliżew: «Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: “Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll.”»
Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal minnhom, bħalma qal il-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina (Salm 145: 10-11, 15-16, 17-18)
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek
ixandru, fuq is-setgħa tiegħek
jitkellmu. R/.
Għajnejn kulħadd iħarsu lejk,
Mulej, u inti tagħtihom l-ikel
f’waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. R/.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Efesin (Efesin 4: 1-6)
Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin.
Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġwanni 6: 1-15)
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.
Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: «Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?» Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: «Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit.» Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: «Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?» Ġesù qal: «Qiegħdu n-nies bilqiegħda.»
Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.» Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.
Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: «Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!» Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Riflessjoni għat-Tfal
Kommentare