Il-Ħmistax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 💕
- ghalikukoll
- Jul 9
- 3 min read

📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
(Dewteronomju 30: 10-14)
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid miegħek, jekk int tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha. Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, mhijiex tqila għalik u anqas ’il bogħod minnek. Mhijiex fis-sema biex int tgħid: ‘Min se jitlgħalna s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?’. U anqas ma hi ’l hemm mill-baħar biex int tgħid: ‘Min se jmur ’l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u jsemmagħhielna, u nagħmluha?’. Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Inroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
(Salm 69: 14, 17, 30-31, 33-34, 36ab, 37)
Jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.
Imma jiena msejken u batut;
terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!
Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.
Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.
Għax Alla jsalva ’l Sijon,
u jibni l-bliet ta’ Ġuda;
u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.
Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;
dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.
jew
📘 Salm Responsorjali:
R/. Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.
(Salm 18: 8, 9, 10, 11)
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta' San Pawli Appostlu lill-Kolossin
(Kolossin 1: 15-20)
Ħuti, Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Inroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Ġwanni 6: 63ċ, 68)
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja:
inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
(Luqa 10: 25-37)
F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.
Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments