Il-Ħmisax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 📖
- ghalikukoll
- Jul 10, 2024
- 3 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos (Għamos 7: 12-15)
F’dak iż-żmien, Amasija, qassis ta’ Betel, qal lil Għamos: «Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta’ Ġuda, u ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna.»
Wieġeb imbagħad Għamos u qal lil Amasija:
«Jien m’iniex profeta,
lanqas bin profeta;
jiena biss ragħaj u niżbor il-ġummajż.
Iżda l-Mulej qabadni minn wara l-merħla,
u l-Mulej qalli: Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael.»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina
(Salm 85: 9ab-10, 11-12, 13-14)
Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.
Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid
tiegħu, u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Efesin (Efesin 1: 3-14)
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu. Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu. 9Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.
Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu. U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità, l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha. Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed; li hu r-rahan tal-wirt tagħna sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
Jew il-forma l-qasira
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Efesin (Efesin 1: 3-10)
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu. Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu. 9Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mark 6: 7-13)
F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.
Qalilhom: «Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom.»
Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Riflessjoni għat-Tfal
Comentários