top of page

Il-Ħdax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 🌱

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Jun 12, 2024
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel                                                            (Eżekjel 17: 22-24)

 

Dan jgħid Sidi l-Mulej: «Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli, minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira, u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira; fuq il-muntanja l-għolja ta’ Iżrael inxettilha.

 

U hi toħroġ il-friegħi, u tagħmel il-frott, u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru. U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ, jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.

 

U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba’ li jien il-Mulej, li siġra għolja nċekkinha, u siġra żgħira nkabbarha; innixxef is-siġra l-ħadra, u n-niexfa bil-weraq inħaddarha. Jien, il-Mulej, tkellimt, u li għedt nagħmlu.»

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Tajjeb li nfaħħru l-Mulej                                               (Salm 92: 2-3, 13-14, 15-16)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

inxandru filgħodu t-tjieba

tiegħek, u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawlin f’dar il-Mulej,

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.

 

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, u

ebda qerq ma jinsab fih. R/.

 

 

📙 It-Tieni Qari:

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin                        (2 Korintin 5: 6-10)

 

Ħuti, aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ’l bogħod mill-Mulej - għax aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.

 

Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.

 

Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Mark                                                             (Mark 4: 26-34)

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: «Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. 29U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad.»

 

U qal: «Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha,

u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha.»

 

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu



Riflessjoni għat-Tfal






Kommentarer


bottom of page