Il-Ħames Ħadd ta' Matul is-Sena 🎣
- ghalikukoll
- Feb 5
- 3 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
(Iżaija 6: 1-2a, 3-8)
Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ’Il fuq minnu kien hemm serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:“Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu”.
Bl-għajat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela bid-duħħan. Imbagħad jiena għedt:“Jaħasra għalija! Mitluf jien!Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti”.
Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:“Ara, din messitlek xufftejk:ħżunitek għebet, u dnubek inħafer”.
Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?”. U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek.
(Salm 138: 1-2a, 2bċ-3, 4-5, 7ċ-8)
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.
Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.
Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha tal-art,
għaliex semgħu l-kliem ta’ fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ il-Mulej! R/.
Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
(1 Korintin 15: 1-11)
Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għalxejn.
Qabelxejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax.
Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.
Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
jew il-forma l-qasira
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
(1 Korintin 15: 3-8, 11)
Ħuti, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Mattew 4: 19)
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew warajja,
u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.
R/. Hallelujah
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
(Luqa 5: 1-11)
Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.
Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments