top of page

Il-Ġisem u d-Demm ta' Kristu 🍷

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • May 29, 2024
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari: Qari mill-Ktieb tal-Eżodu (Eżodu 24: 3-8)


F’dak iż-żmien, Mosè niżel jgħid lill-poplu kulma qallu l-Mulej u kulma ordnalu. Il-poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: «Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh.»


Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u filgħodu qam, bena altar taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta’ Israel. Imbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Israel biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej.


Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-altar. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: «Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu.»


Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: «Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu.»


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla



📘 Salm Responsorjali:

R/. Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ

(Salm 116: 12-13, 15, 16bċ, 17-18)


Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.


Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Jien qaddej tiegħek,

bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.


Lilek noffri sagrifiċċju

ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.



📙 It-Tieni Qari: Qari mill-Ittra lil-Lhud (Lhud 9: 11-15)


Ħuti, Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.


Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġiela mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!


U għalhekk hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta’ qabel, dawk li huma msejħa minn Alla jiksbu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla



📕 L-Evanġelju: Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mattew 14: 12-16, 22-26)


Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: «Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?»


Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: «Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, “Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?” U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.»


U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid. Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: «Ħudu, dan hu ġismi.» Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: «Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.»


Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu



Riflessjoni għat-Tfal





Comments


bottom of page