top of page

Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena 🚪

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Aug 20
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

(Iżaija 66: 18-21)

Dan jgħid il-Mulej: “Għad niġi niġbor il-ġnus kollha, u l-popli ta’ kull ilsien; dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi. Jiena ngħolli għalihom sinjal, u nibgħat lil xi wħud mill-fdal ta’ Iżrael għand il-ġnus, f’Tarsis, Put, Lud, u Mesek, Ros, Tubal u Ġawan, u lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija, u qatt ma raw is-sebħ tiegħi, u huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb il-ġnus.


U jġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens, bħala offerta lill-Mulej; iġibuhom fuq żwiemel u karrijiet, fuq suġġetti u bgħula u iġmla, għal fuq il-muntanja qaddisa tiegħi, f’Ġerusalemm, jgħid il-Mulej: bħalma wlied Iżrael iġibu l-offerti tal-qmuħ tagħhom f’ġarar indaf fit-tempju tal-Mulej. U lil xi wħud minnhom neħodhom b’qassisin u leviti, jgħid il-Mulej”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju.

(Salm 117: 1, 2)

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha,

sebbħuh, intom popli lkoll! R/.


Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna,

il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.

 


📙 It-Tieni Qari:

Qari mill-Ittra lil-Lhud

(Lhud 12: 5-7, 11-13)

Ħuti, insejtuha għalkollox il-kelma ta’ twissija li qalilkom ta’ wlied li intom: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej, u la taqtax qalbek meta jċanfrek; għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, jolqot lil kull min jilqa’ b’ibnu”.


Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu! Alla qiegħed jimxi magħkom ta’ wlied. Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux? Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta’ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja. Mela erfgħu l-idejn merħija u l-irkupptejn mitluqa tagħkom, u aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp, ma joħroġx mit-triq, imma jerġa’ jieħu saħħtu.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

  


📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Ġwanni 14: 6)

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah.

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 13: 22-30)

F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”. U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: ‘Mulej, iftħilna!’. Iżda hu jweġibkom u jgħid: ‘Ma nafx mnejn intom’. Imbagħad taqbdu tgħidulu: ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna’. Hu jwieġeb u jgħidilkom: ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’. Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu



Aqra iktar:



Comments


bottom of page