Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena 🕊
- ghalikukoll
- Aug 21, 2024
- 3 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè
(Ġożwè 24: 1-2a, 15-17, 18b)
F’dak iż-żmien: Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: «Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej.»
U l-poplu kollu wieġeb u qal: «Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna u ’l missirijietna mill-art tal-Egittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna.»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej
(Salm 34: 2-3, 15-17, 18-19, 20-21, 22-23)
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. R/.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej
jismagħhom; mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. R/.
Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu. R/.
Il-ħażin ħżunitu teqirdu;
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
(Efesin 5: 21-32)
Ħuti, oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.
Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.
Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed.
Dan il-misteru - qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja - huwa kbir!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Ġwanni 6: 63ċ, 68ċ)
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont Ġwann
(Ġwanni 6: 60-69)
F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: «Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?» Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: «Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux.» Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: «Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.»
Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: «Tridux titilqu intom ukoll?» Wieġbu Xmun Pietru: «Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
תגובות