Il-Tnax-il Ħadd ta' Matul is-Sena ⛈
- ghalikukoll
- Jun 19, 2024
- 2 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob (Ġob 38: 1, 8-11)
Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qallu:
«Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien, meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf,
meta bis-sħab libbistu, u bid-dlam fisqejtu,
meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet, u bibien li bihom għalaqtu
u għedtlu: “Sa hawn biss tasal u mhux aktar, ma taqbiżx minn hawn il-qawwa ta’ mwieġek”?»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu
(Salm 107: 23-24, 25-26, 28-29, 30-31)
Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar. R/.
Hu ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.
Għajtu lill-Mulej fl-hemm
tagħhom, u mid-dwejjaq tagħhom
ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa,
u sikket mewġ il-baħar. R/.
Huma ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin (2 Korintin 5: 14-17)
Ħuti, l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.
Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mark 4: 35-41)
Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor.» Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.
U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: «Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?»
Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: «Iskot! Biżżejjed!» U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: «Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?»
U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: «Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Riflessjoni għat-Tfal
Comments