top of page

Il-Papa Ġwanni Pawlu II 🌍

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Oct 19, 2024
  • 2 min read

Karol Józef Wojtyła twieled fit-18 ta’ Mejju 1920 f’Wadowice, il-Polonja. Meta kien żgħir, hu kien iħobb ħafna l-atletika, kien f’tim tal-futbol, u kien anki jħobb jirreċta ma’ diversi żgħażagħ oħra.


Ta’ 20 sena, Karol kien diġa tilef lil ommu, missieru, u ħuħ, u minħabba li kien spiċċa waħdu, hu ddeċieda li jsir saċerdot. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, hu studja f’seminarju taħt l-art, kien jadem f’barriera u wara kien ukoll jaħdem f’fabbrika tal-kimika biex jevita li jiġi deportat minn-Nażisti. Wara l-gwerra, Karol kompla jistudja u fl-1946 ġie ordnat saċerdot. Huwa kompla jistudja u ħa d-dottorat fit-Teoloġija, u iktar tard anki d-dottorat fil-Filosofija.


Karol kompla jitla’ fil-gradi tal-Knisja Kattolika sakhemm sar isqof fl-1958, u eventwalment anke kardinal fl-1967. Meta l-Papa Pawlu VI miet fl-1978, il-kulleġġ tal-kardinali eleġġew lit-Taljan Albino Luciani bħala l-Papa l-ġdid tal-Knisja. Iżda dan miet wara tlieta u tletin jum, u meta l-kardinali reġgħu iltaqgħu biex jeleġġu Papa ġdid, huma għażlu lil Wojtyła.


Ta’ 58 sena, huwa sar il-264 papa tal-Knisja Kattolika u ħa l-isem Ġwanni Pawlu II. Bħala Papa, hu żar 129 pajjiż inkluż Malta, kkanonizza 483 qaddis u bbeatifika 1340 persuna. Il-ponifikat tiegħu kien t-tieni l-itwal fl-istorja tal-papiet u matulu kiteb 14-il enċiklika. Barra minn hekk, huwa ħadem ħafna għall-għaqda bejn ir-reliġjonijiet, u għamel numru ta’ apoloġiji għall-iżbalji li għamlet il-Knisja fil-passat.


Fit-13 ta’ Mejju 1981, waqt li kien qed isellem lill-eluf ta’ persuni fil-Pjazza ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Ġwanni Pawlu II ġie attakkat minn Mehmet Ali Ağca, ċittadin Tork, li spara fuqu diversi tiri. Żewġ tiri laqtu lill-Papa, u huwa ttieħed immedjatament fi sptar fejn ġie operat b’urġenza. Wara l-operazzjoni, huwa qal li kien għadu ħaj bl-interċessjoni tal-Madonna ta’ Fatima li salvatu, u iktar tard, bl-umiltà kollha mar iżur lil Mehmet fil-ħabs fejn ħafirlu.


Fl-2001, il-Papa Ġwanni Pawlu II beda jsofri bil-marda tal-Parkinsons, iżda minkejja t-tbatija huwa kompla jaqdi dmiru sal-aħħar. Huwa miet fit-2 ta’ April 2005, ġie bbeatifikat fl-2011 mill-Papa Benedittu XVI u ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Franġisku fl-2014.


Il-festa tiegħu hija ċċlebrata fit-22 ta’ Ottubru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-Jum Dinja taż-Żgħażagħ, jum li huwa waqqaf.

Comentarios


bottom of page