Il-Kappella tal-Kunċizzjoni fl-Aħrax tal-Mellieħa ⛪
- ghalikukoll
- Jun 21, 2024
- 2 min read
Updated: Apr 22

Il-Kappella tal-Kunċizzjoni tinsab fil-Mellieħa, f’żona msejħa l-Aħrax. Din iż-żona tinsab fit-tarf tal-gżira ta’ Malta, fuq in-naħa tal-Grigal. Hija art selvaġġa u ġeblija miksija bi flora u fawna b’ħafna sisien weqfin u xtut bi blat u ġebel li jagħti direttament għal fuq il-baħar.
Jingħad li din il-kappella nbniet fil-bidu tas-seklu għoxrin, u għalhekk ma tantx insibu informazzjoni dokumentata dwarha. Il-kappella hi ddedikata lill-Madonna tal-Kunċizzjoni u hija magħrufa wkoll bħala “tan-niċċa” minħabba l-fatt li fil-passat kien hemm niċċa magħrufa bħala l-Fgura tal-Aħrax fuq l-istess irdum li tinsab din il-kappella.
Il-Knisja oriġinali kienet inbniet aktar viċin ix-xifer tal-irdum, iżda biż-żmien l-irdum beda jċedi u bdew jitfaċċaw anki xi konsenturi fil-binja. Il-knisja bdiet tiġġarraf ftit ftit, u għalhekk ġie deċiż li terġa tinbena mill-ġdid aktar ‘il ġewwa mix-xifer tal-irdum fl-1961. Il-knisja nbniet fuq disinji ġodda li kienu jixbħu ‘l dik li kien hemm qabel.
Illum il-ġurnata nsibu biss il-kappella l-ġdida mibnija fuq stil modern. Iżda sa ftit snin ilu, lejn xifer l-irdum kien għadu jidher il-fdal tal-kappella l-antika bl-imramma mikxufa tal-mazkan u l-ħamrija, u nofsha mġarrfa. Dawn il-fdalijiet sparixxew b’mod misterjuż fis-snin disgħin, u saħansitra l-pedament tagħha donnu sparixxa wkoll.

Minn ġewwa, il-knisja għandha artal wieħed li hu magħluq b’kanċell tal-ħadid għal raġunijiet ta’ sigurtà. Il-kwadru titulari huwa kopja tal-istess wieħed li kien hemm fil-knisja oriġinali u juri il-Madonna tal-Kunċizzjoni. Il-kwadru oriġinali hu mpinġi fuq l-injam u llum jinsab miżmum fis-Santwarju tal-Mellieħa. Fih jidru l-armi tal-Gran Mastru de Vilhena u tal-isqof Alpheran de Bussan. Dan ifisser li l-kwadru sar bejn is-snin 1728 u 1736 meta dawn il-persuni kienu fil-poter. Dan ifisser ukoll li dan il-kwadru nġieb minn x’imkien ieħor għax kien sar ferm qabel ma nbniet l-ewwel kappella. Il-kappella għandha wkoll statwa żgħira tal-Kunċizzjoni u xi nkwatri oħra bi stampi sagri.
Minn barra, l-faċċata tal-knisja l-ġdida għandha tliet bibien u portiku żgħir. Fil-ħitan tal-ġenb hemm żewġ twieqi, u fuq wara hemm żewġ kmamar żgħar li ma kinux jeżistu fil-kappella oriġinali u jservu bħala sagristija. Bħall-kappella l-antika, l-kappella preżenti għandha wkoll zuntier żgħir mdawwar bil-balavostri tal-ġebel. Fil-viċin, hemm ukoll statwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni mqiegħda fuq pedestall għoli.

Is-sajjieda u l-baħħara Melliħin minn dejjem kellhom qima kbira lejn il-Madonna tal-Aħrax. Barra li kienu jitolbuha biex tieħu ħsiebhom u ddaħħalhom lura bis-sliem, kienet ukoll isservi ta’ sinjal biex ikunu jafu fejn qegħdin. Bħal kappelli oħra, ma’ din il-kappella nsibu leġġendi u stejjer li l-oriġini tagħhom intilef fiż-żmien. Rakkont minnhom isemmi sajjied u ħabib tiegħu li nqalbu bid-dgħajsa fl-inħawi u kienu se jegħrqu. Dakinhar, il-ħabib tas-sajjied ma salvax, iżda s-sajjied kien wiegħed lill-Madonna li jekk isalva jibni kappella. Il-grazzja nqalgħet għax is-sajjied salva u wettaq dak li kien wiegħed li jgħamel. Leġġenda oħra tagħti verżjoni totalment differenti ta’ għalfejn inbniet din il-kappella. Ħmar ta’ bidwi żelaq f’xifer l-irdum u sidu talab lill-Madonna sabiex issalvalu lill-ħmar hekk kif kien jaqla’ ħobżu minnu. Il-grazzja nqalgħet u l-bidwi żamm kelmtu u bena l-kappella f’xifer l-irdum biex tfakkar il-post preċiż fejn żelaq il-ħmar.
Wieħed jista’ biss jispekula dwar ir-raġuni għalfejn inbniet din il-kappella f’post tant imwarrab u ostili. Iżda ta’ min jirrimarka wkoll li dawn l-inħawi għandhom ftit rabta mal-leġġenda tal-bidwi u l-ħmar għax l-irdumijiet lejn it-Tramuntana ta’ din il-kappella jissejħu “Rdum tal-Madonna” filwaqt li dawk fuq in-naħa ta’ Nofsinhar jissejħu “Rdum il-Ħmar”.
Informazzjoni addattata minn: kappellimaltin.com/Il-Kappelli/Sett10/MLH_Kunc_tal-Ahrax/mlh_kunc_tal-ahrax.html
Comments