San Pier Giorgio Frassati 👦
- ghalikukoll
- Jul 4
- 2 min read
Updated: Sep 7

Pier Giorgio Frassati twieled fis-6 ta’ April 1901, f’Turin, l-Italja. Huwa kien ġej minn familja sinjura u influwenti, hekk kif missieru Alfredo kien il-fundatur u d-direttur tal-gazzetta La Stampa, u aktar tard serva wkoll bħala ambaxxatur fil-Ġermanja. Iżda minkejja li trabba fil-privileġġ, Frassati kien spiss jinkwieta għall-fqar u wera mħabba profonda lejn Ġesù Kristu minn età żgħira.
Huwa kien żagħżugħ ferrieħi u enerġetiku, magħruf għaċ-ċirku kbir ta’ ħbieb li kellu, u għall-isport favorit tiegħu, it-tixbit. Minkejja dan, taħt dan l-ispirtu ħaj ta’ żagħżugħ kien hemm fidi serja. Pier Giorgio Frassati kien jattendi l-Quddiesa ta’ kuljum, jitlob ir-Rużarju, iqatta’ sigħat twal f’adorazzjoni Ewkaristika, u ddedika ħajtu biex jaqdi lil ħaddieħor billi jqassam l-ikel, il-ħwejjeġ, u l-flus tiegħu stess. Ta’ 17-il sena, huwa ingħaqad mas-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul fejn kien jgħin lill-morda u lil dawk fil-bżonn fl-inħawi fqar ta’ Turin.
Interessat ukoll fil-ġustizzja soċjali, Frassati kien attiv fl-Azzjoni Kattolika u oppona pubblikament ir-reġim faxxista ta’ Mussolini. Huwa kien jemmen li l-involviment politiku għandu jkun ibbażat fuq it-tagħlim soċjali Kattoliku, u ra lil Kristu f’kull persuna li kienet qiegħda tbati.
Huwa studja l-inġinerija tal-minjieri (mining engineering) fl-Università Politeknika Rjali ta’ Turin, bix-xewqa li jaħdem direttament fost il-minaturi biex jgħinhom itejbu il-kundizzjonijiet tagħhom. Madankollu, qabel ma temm l-istudji tiegħu huwa marad bil-poljo, aktarx minn wieħed mill-morda li kien jieħu ħsieb. Frassati miet fl-4 ta’ Lulju 1925, fl-età ta’ 24 sena. Il-familja tiegħu stenniet funeral żgħir bi ftit ħbieb u qraba, iżda eluf ta’ foqra mlew it-toroq ta’ Turin, u żvelaw il-ħajja moħbija ta’ servizz li kien mexxa Pier Giorgio.
Fl-1990, il-Papa Ġwani Pawlu II bbeatifikah u ppreżentah bħala mudell għaż-żgħażagħ. Minn dakinhar, il-popolarità tiegħu kompliet tikber mad-dinja kollha, u sar ukoll wieħed mill-patruni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Huwa ġie kkanonizzat mill-Papa Ljun IV fis-7 ta’ Settembru 2025, flimkien ma' San Carlo Acutis, waqt ċerimonija storika ċċelebrat il-qdusija taż-żgħażagħ fid-dinja moderna. Il-ħajja ta’ Frassati turina kif il-qdusija mhix limitata għall-ħajja klawsurali biss, iżda tista’ tingħex bis-sħiħ fid-dinja minn studenti u ħaddiema ordinarji.
Comments