top of page

Il-Beata Adeodata Pisani ⛪

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Feb 22
  • 1 min read

Marija Tereża Pisani twieldet fid-29 ta’ Diċembru 1806 f’Napli, l-Italja. Meta kienet għadha tarbija, l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu u hija trabbiet minn omm missierha sakhemm kellha għaxar snin. Wara l-mewt ta’ nannitha, hija ntbagħtet fil-famuż Istitut ta’ Madama Prota, skola fejn l-ulied tan-nobbli kienu jirċievu l-edukazzjoni tagħhom.

 

Sentejn wara, fl-1825, Pisani ġiet Malta ma’ ommha, fejn marru jgħixu ma’ xi qraba fir-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma kellha l-intenzjoni li tagħmel dan. Hi kienet tqatta’ ħafna ħin titlob fil-knisja ta’ San Mark fir-Rabat, u kien propju hawnhekk li quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, ħasset is-sejħa biex tidħol Soru. Ommha ppruvat taqtalha qalbha, iżda Pisani kienet determinata, u eventwalment daħlet bħala soru novizza fil-Monasteru ta’ San Pietru fl-1828. Hawnhekk ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata, u sentejn wara, għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

 

Hi kienet tagħmel xogħolha bil-qalb, u fl-1851 intagħżlet ukoll bħala Badessa ta’ din il-komunità ta’ sorijiet. Kienet tagħmel l-għalmu tagħha biex tgħin lill-fqar li kienu jħabbtulha mal-bieb tal-monasteru, u dejjem qasmet dak li kellha magħhom. Iżda fl-1853 kellha tirtira mid-doveri tagħha minħabba li bdiet tesperjenza problemi b’qalbha.

 

Marija Adeodata mietet fil-25 ta’ Frar tal-1855, u ġiet midfuna fil-kripta tal-Monasteru Benedittin fl-Imdina l-għada stess. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ibbeatifika fl-2001, u il-festa tagħha hija ċċelebrata kull sena fil-25 ta’ Frar.

Comments


bottom of page