Id-Dsatax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 🎈
- ghalikukoll
- Aug 7, 2024
- 2 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tas-Slaten
(1 Slaten 19: 4-8)
F’dak iż-żmien, il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf, inxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: «Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!» U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad.
Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: «Qum u kul!» Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u raġa’ mtedd.
Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: «Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek.» Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej
(Salm 34: 2-3, 4-5, 6-7, 8-9)
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.
L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
(Efesin 4: 30-32, 5: 1-2)
Ħuti, tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa.
Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.
Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Ġwanni 6: 51)
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.
Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont Ġwann
(Ġwanni 6: 41-51)
F’dan iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal:
«Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.» U bdew jgħidu: «Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: “Jiena nżilt mis-sema”?»
Ġesù weġibhom: «Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: “U kulħadd ikun imgħallem minn Alla.” Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments