top of page

It-Twelid ta' Sidna Ġesù Kristu - Quddiesa tas-Sebħ ✨

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Dec 23, 2024
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

(Isaija 62: 11-12)

Araw, il-Mulej isamma’ leħnu sa truf l-art:

“Għidu lil bint Sijon:

Arah, ġej is-salvatur tiegħek!

Arah bil-prezz f’idu u l-ħlas quddiemu.

U jibdew isejħulhom Poplu qaddis,

il-Mifdijin tal-Mulej.

U lilek isejħulek l-Imfittxija,

il-Belt qatt abbandunata”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Illum jiddi fuqna d-dawl, għax twildilna l-Mulej

(Salm 97: 1, 6, 11-12)

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.


Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.


Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,

ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,

ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,

u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.


Quddiem il-Mulej, għax ġej,

għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.

 

 

📙 It-Tieni Qari:

Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lil Titu

(Titu 3: 4-7)

Għażiż, meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna,

u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin,

hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu,

mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna,

iżda minħabba l-ħniena tiegħu.

Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna

b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna,

biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu

nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem

skont it-tama li għandna.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Luqa 2: 14)

Hallelujah. R/. Hallelujah

Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,

u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!

R/. Hallelujah

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 2: 15-20)

Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej”.


Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page