top of page

Carlo Acutis 💻

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Oct 12, 2024
  • 2 min read

Carlo Acutis twieled fit-3 ta’ Mejju tal-1991 f’Londra, l-Ingilterra. Ftit wara t-twelid tiegħu, il-familja tiegħu emigrant lejn Milan fejn huwa trabba.


Minkejja l-fatt li l-ġenituri tiegħu ma kinux Kattoliċi devoti, sa minn ċkunitu Carlo kellu interess notevoli fir-reliġjon Kattolika. Hu kien iħobb jitlob ir-rużarju, u wara li għamel l-ewwel tqarbina beda jattendi l-quddiesa ta’ kuljum.


Għalkemm kien student normali bħal kull student ieħor, spiss kien ifittex li jsegwi oqsma akkademiċi oħrajn b’mod indipendenti inkluż ix-xjenza, il-kompjuter, u s-sassofonu. Carlo tgħallem kif juża l-internet minn età żgħira u għallem lilu nnifsu d-disinn grafiku, u kif jipprogramma fuq il-kompjuter.


Ta’ ħdax-il sena, huwa beda jinvestiga l-mirakli ewkaristiċi tul l-istorja, u kienet hawnhekk li ġietu l-idea li joħloq sit fuq l-internet biex jaqsam dak li sab ma’ żgħażagħ oħrajn bħalu. Acutis nieda s-sit fl-2004, u wara sentejn u nofs ta’ ħidma flimkien mal-familja tiegħu, fl-4 ta’ Ottubru tal-2006 huwa lesta s-sit u ppublikha. Is-sit kienet tinkludi ġabra ta’ iktar minn 150 miraklu, organizzati bid-data u l-post fejn seħħew. Għal kull miraklu, Carlo ħoloq paġna b’informazzjoni li kienet tinkludi wkoll mapep, vidjos, u mużew virtwali.


Ftit ġranet wara li ppublika s-sit, huwa ġie dijanjostikat bil-leukemia. Huwa ttieħed b’urġenza biex jirċievi l-kura intensiva fi sptar speċjalizzat f’Milan, iżda wara ftit huwa waqa’ f’koma. Carlo miet fit-12 ta’ Ottubru tal-2006, u ftit ġranet wara sar il-funeral tiegħu li għalih attendew folla kbira ta’ stranġieri. Huwa ġie midfun fir-raħal ta’ Ternengo, iżda tlett xhur wara, huwa ttieħed biex jerġa jindifen f’Assisi kif kien xtaq hu minħabba d-devozzjoni tiegħu lejn San Franġisk t’Assisi.


Acutis ġie bbeatifikat mill-Papa Franġisku fl-2020 wara li ġie rikonoxxut miraklu bl-interċessjoni tiegħu, u għandu jiġi kkanonizzat fil-futur qarib wara li ġie rikonoxxut it-tieni miraklu f’Mejju ta’ din is-sena.


Il-Papa Franġisku sejjaħlu ‘qaddis influencer’, u l-ħajja tiegħu tgħallimna li anke fl-era diġitali tagħna, nistgħu nużaw it-teknoloġija biex inressqu lin-nies eqreb lejn Alla, u nxerrdu l-imħabba.


Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fit-12 ta’ Ottubru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-internet.

Comments


bottom of page